Clare Azzopardi
book

Clare Azzopardi twieldet San Ġiljan fl-1977 u llum tgħix f’waħda mill-iktar djar antiki tan-Naxxar. Għallmet 
il-Malti fl-iskola sekondarja tal-bniet ta’ Pembroke u fl-iskola sekondarja tas-subien tal-G
zira li jagħmlu parti mill-Kulleġġ Santa Klara. Illum lekċerer tal-Malti l-Junior College.

Kitbet sitt textbooks għat-tfal bl-isem Stilel ma’ Trevor Żahra u editjat is-sensiela Senduq Kuluri/Senduq Buffuri, skema ta’ qari għat-tfal tal-primarja. Azzopardi editjat ukoll is-sensielaKalejdoskopju, sett ta’ taħriġ il-fehem għat-tfal tal-primarja. 

Fl-2008 ppubblikat l-ewwel ktieb bl-istampi Meta l-Milied ma Ġiex li rebaħ l-ewwel Premju fil-kategorija Proża għat-Tfal. Fl-2009 ippubblikat tliet rumanzi għat-tfal – Il-Każ (kważi) Kollu tal-Aħwa De Molizz (rebbieħ tal-ewwel premju fil-kategorija Proża għat-Tfal), Jake Cassar fir-Renju tar-Re Pankrazju IV u Ir-Re Pankrazju IV jagħlaq mitt sena (rebbieħ tat-tieni premju fil-kategorija Proża għat-Tfal). Fl-2010 ġew ippubblikati żewġ kotba oħra fis-serje ta’ Jake Cassar: Ir-Reġina Fidelja u r-Renju Sturdut u Il-Bastun tar-Reġina Fidelja. 

Azzopardi ppubblikat il-ktejjeb Others, Across (Inizjamed u Midsea Books, 2005), b’żewġ stejjer qosra maqluba għall-Ingliż minn Albert Gatt, u Il-Linja l-Ħadra (2006), ġabra ta’ novelli għall-kbar, li rebaħ il-Premju tal-Ktieb fil-kategorija Proża għall-Kbar. Fl-2010 ppubblikat id-dramm L-Interdett taħt is-Sodda li nqaleb għall-Franċiż minn Cecilia Mattalia (Éditions Théâtrales, 2008) u ttella’ fl-Odeon ġewwa Pariġi, u għall-Għarbi minn Walid Nabhan (I-Act, 2009) u ttella’ Lixandra fl-2009. 

Il-poeżiji u l-istejjer tagħha dehru f’antoloġiji differenti fosthom: Illejla Ismagħni Ftit (2001), Gżejjer(Inizjamed, 2000), F’Kull Belt Hemm Kantuniera (Inizjamed, 2003), Ktieb għall-Ħruq (Inizjamed, 2004),Storja Tinkiteb (Il-Kunsill tal-Ilsien Malti, 2005), f’uħud mill-ħarġiet ta’ Il-Malti (L-Akkademja tal-Malti, 2005, 2006, 2008), 45 (2009) u Spazji (MCCA, 2010). 

Bosta xogħlijiet ġew maqluba għal lingwi differenti fosthom l-Ingliż, il-Ġermaniż, it-Taljan, il-Kroat, 
il-Latvjan, iċ-Ċek, l-Ungeriż, l-Olandiż, il-Franċiż u l-Għarbi. Dehru wkoll f’antoloġiji u rivisti letterarji barra minn Malta: In Focus (Pen, Ċipru, 2005/2006), Cúirt 21 (L-Irlanda, 2006), Lettre (L-Ungerija, 2005, 2011), Transcript (LAF, 2007), Kulturas Forms (Il-Latvja, 2007) u Skald (Wales, 2007). Ħadet sehem ukoll f’The European Constitution in Verse fl-2009: 
http://themarkdesign.byethost13.com/grondwet/?q=en